top of page
Search

Ittra Miftuħa lill-Prim Ministru ta’ Malta

14 ta' Diċembru 2022


L-Onorevoli Dr Robert Abela

Prim Ministru ta’ Malta


Din l-ittra miftuħa qed tintbgħat lilek wara li segwejna mill-qrib il-kwistjoni li ilha għaddeja għal dawn l-aħħar snin u ċoe` l-battalja legali li l-bdiewa li jagħmlu attivita’ agrikola fuq l-art qiegħdin jiġġieldu fil-Qorti mas-sidien tal-art. Dawn tal-aħħar iridu jiżgumbraw lill-bdiewa mill-art li ilhom jaħdmuha għal għexieren ta’ snin.


Huwa verament ta’ dispjaċir naraw li l-bdiewa, li huma meqjusa bħala gwardjani tal-ispazji miftuħa ta’ pajjiżna, l-produtturi tal-ikel tagħna u l-pedament tal-kultura rurali ta’ Malta jiġu umiljati b’dan il-mod;


i. F’dawn l-emendi tal-Kap. 199 hemm nuqqas ta’ kriterji ċari li bihom jista’ jiġi evalwat ir-raba’ b’mod aħjar u aktar għaqli. Mingħajr dawn il-kriterji, u oħrajn li aħna nqisu bħala essenzjali sabiex l-art agrikola tiġi stmata b’mod xieraq, ser jibqa’ jkollna eżodu ta’ bdiewa mir-raba’ li jaħdmu. Fid-diskussjoni tal-Kumitat Parlamentari dwar l-emendi għall-Kapitlu 199, l-esponenti min-naħa tal-Gvern qablu li se jkun hemm Leġiżlazzjoni Sussidjarja li tinkludi iktar dettal. Għalhekk qegħdin ninsistu li l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja tiġi diskussa mal-għaqdiet konċernati u ppublikata flimkien mal-emendi tal-Kapitlu 199 meta dawn jgħaddu mill-Plenarja tal-Parlament. B’hekk biss nistgħu noffru serħan il-moħħ lill-bdiewa li l-istima tar-raba’ tkun raġonevoli u allura li l-kirja tagħhom tippermetti biedja sostenibbli.


ii. Filwaqt li nifhmu li t-tnehdija tal-White Paper kien proċess bżonnjuż, inħossu li fil-kuntest tal-emendi fil-Kapitlu 199 hemm bżonn li jiġi assigurat li s-sistemi l-ġodda li se jintużaw sabiex jiġi vvalutat ir-raba’ permezz ta’ dawn l-emendi jiġu riflessi fil-leġislazzjoni li se tkun qiegħda tiġbor fi ħdandha l-prinċipji tal-White Paper. B’dan il-mod jiġi assigurat mingħajr konfużjoni li l-valutazzjoni tar-raba’ tkun kongruwenti fil-leġiżlazzjonijiet kollha li jaffettwaw dan il-proċess.


iii. L-emendi fil-Kapitlu 199 diġa għaddew mill-ewwel u t-tieni qari fil-proċess Parlamentari u ġew diskussi wkoll fil-Kumitat tal-Kamra. Issa jonqos biss il-vot finali fil-Plenarja. Naprezzaw kieku kien hemm involvement aktar diretta tal-entitajiet konċernati mill-bidu tal-proċess tal-emenda leġiżlattiva u nittamaw li fi proċeduri simili l’quddiem ikun hemm aktar involvement ta’ dan it-tip.


Min-naħa tagħna, ninsistu li l-għan prinċipali ta’ dawn l-emendi jibqa’ li jiġi salvagwardjat il-futur tal-biedja f’Malta, li l-bdiewa jkollhom kwalita` ta’ ħajja xierqa u li nassiguraw il-produzzjoni tal-ikel f’dinja li qed tgħaddi minn kriżi wara l-oħra, fejn prezzijiet ta’ ikel impurtat mhumiex stabbli u fejn allura l-produzzjoni lokali ssir aktar importanti.


Tislijiet,


Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta (VO/1527)

Fondazzjoni Żgħażagħ fl-Agrikoltura Malta - MaYA (VO/823)

Friends of the Earth Malta (VO/91)

Għaqda Bdiewa Attivi (VO/1759)

Għaqda Produtturi ta’ l-Għasel Malti (VO/432)

Għaqda tal-Produtturi Vitimalta

‘Grow 10 Trees’ Project

Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa Ltd.

Moviment Graffitti (VO/126)

Moviment Malti ta' Biedja Organika - MOAM (VO/56)

Netwerk Rurali Merill

279 views0 comments

Recent Posts

See All
bottom of page