Search

Organizzazjonijiet fil-qasam tal-agrikoltura b’sejħa għal-gvern

| read in English 🇬🇧


Organizzazjonijiet agrikoli qegħdin isejħu għal soluzzjoni mmedjata għat-theddida bla preċedent li sabu ruħhom fiha l-bdiewa li jaħdmu raba bi qbiela privata. Dan wara l-aħħar żviluppi li raw lill-Bord tal-Qbiela tkeċċi bdiewa minn art maħduma minnhom minħabba li f’Novembru li għadda l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-Liġi preżenti li kienet qed tipproteġi lill-bidwi tmur kontra l-Kostituzzjoni, minħabba li ċċaħhad mid-drittijiet fundamentali ta’ sid l-art.

Huwa għalhekk li dawn it-tmintax-il organizzazzjoni qegħdin itennu li din hija sitwazzjoni perikoluża ħafna u li tista’ twassal għal eżodu ta’ bdiewa b’impatt soċjali u ambjentali negattiv ħafna. B’konsegwenza, għexieren ta’ bdiewa se jispiċċaw jitilfu l-għajxien tagħhom filwaqt li l-art li jaħdmu se tispiċċa f’idejn min m’għandu l-ebda ħsieb jew għarfien li jaħdimha, u b’hekk tista’ tintuża għal skopijiet mhux neċessarjament agrikoli.



Ritratt: Tessa Mercieca

Sadanittant, fid-dokument li ħareġ il-Gvern dwar l-istrateġija li għandu bżonn il-pajjiż biex jirkupra mill-pandemija, jissemma kif għandna bżonn intejbu s-sigurtà tal-ikel u li nipproteġu u nsaħħu l-produzzjoni tal-ikel f'pajjiżna u li l-bdiewa għandhom jiġu mgħejuna jsaħħu t-titlu tagħhom fuq art privata.

Huwa evidenti li l-prezzijiet tal-qbiela privati f’ċertu każijiet huma redikoli u allura tajjeb li wieħed jirrevedi tali prezzijiet biex is-sid ikun jista’ jiġi kkumpensat aħjar. Però dan il-prezz m’għandu qatt ikun ibbażat fuq il-valur tas-suq tal-art. L-art agrikola għandha skop soċjali u ambjentali u allura l-valur tagħha m’għandux ikun determinat biss mill-prezzijiet kummerċjali tal-artijiet. L-iskop tal-art agrikola hija dik li tipproduċi l-ikel, prodott li jrid ikun aċċessibbli għal kulħadd u kompetittiv u allura l-marġini tal-profitti tal-produtturi ma jistgħu qatt jippermettu li jiġu mitluba kirjiet għoljin għax dawn ikunu ekonomikament projbittivi li jitħallsu fix-xenarju msemmi.

Huwa għalhekk li diversi organizzazjonijiet fil-qasam tal-agrikoltura qegħdin isejħu lill-Gvern biex jintervjeni b’mod urġenti sabiex tinstab soluzzjoni ta’ kompromess li tkun tagħmel sens għal kulħadd. Is-settur agrikolu jista’ jkun pilastru ekonomiku. Però biex isir dan, hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex il-bdiewa jkollhom ir-riżorsi neċessarji biex jaħdmu.




Sejħa minn dawn l-organizzazjonijiet:


1. Malta Youth in Agriculture Foundation

2. Għaqda Bdiewa Attivi

3. Farmers’ Central Coop Society Ltd.

4. Koperattiva Bdiewa Mġarr

5. Koperattiva Bdiewa Qormi u Għawdex

6. Koperattiva Bdiewa Żabbar

7. Koperattiva Bdiewa Rabat

8. Koperattiva Bdiewa Dingli

9. Koperattiva Bdiewa Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ

10. Koperattiva Bdiewa San Pawl il-Baħar

11. Malta Beekeepers Association

12. Għaqda Produtturi ta’ l-Għasel Malti

13. Breeds of Origin Conservancy

14. Koperattiva tat-Tadam għal-Ipproċessar Ltd

15. Koperattiva Produtturi tat-Tadam

16. Vitimalta

17. Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż

18. Malta Organic Agricultural Movement


101 views0 comments