top of page
Search

MaYA titlob għal qafas legali li jipproteġi l-art agrikola u l-bdiewa ġenwini li jaħdmuha


As published by print and online newspaper 'illum' on 23rd January 2022.

Written by Marianna Calleja



Il-gazzetta ILLUM tkompli ssegwi l-kwistjoni tal-qbiela u titkellem mal-Fondazzjoni MaYA dwar din il-materja u problemi li qed jiffaċċjaw bdiewa żgħaħagħ...



Fl-aħħar ġimgħat il-gazzetta ILLUM segwiet il-kontroversja tal-qbiela mill-viċin sew u kompliet tagħmel pressjoni. Fil-fatt issa l-Għaqda Bdiewa Attivi, Moviment Graffitti u Malta Youth in Agriculture (MaYA) ingħaqdu bl-għan li l-kwistjoni tal-qbiela “tissolva darba għal dejjem u jieqfu t-tkeċċijiet tal-bdiewa minn arthom.”


Il-gazzetta ma setgħetx ma tistaqsix lil MaYA allura dwar kif il-kwistjoni tal-qbiela qed taffetwa liż-żgħażagħ, anzi tillimita liż-żgħażagħ milli jidħlu fis-settur. Kien Malcolm Borg, il-Koordinatur ta’ Għaqda Bdiewa Attivi li qal lill-gazzetta ILLUM li l-ikbar problema li jaffaċjaw bdiewa ġodda hi dik tal-art.


Dan kollu l-fondazzjoni MaYA kkonfermatu wkoll. Ġibdet l-attenzjoni anzi li dawn il-fatti ilhom jitkellmu fuqhom. “Saħansitra, meta sar studju kkumissjonat mill-Kummisjoni Ewropea fl-2015, il-Fondazzjoni MaYA tat feedback dwar is-sitwazzjoni flimkien ma’ stakeholders oħra, u ħareg ċar li l-aċċess għal-art agrikola huwa fattur li jillimita żgħażagħ milli jidħlu fis-settur.”


Kompliet tgħid li s-sitwazzjoni issa ggravat u l-prezz tal-art, inkluż dik agrikola, laħaq livelli li ma jitwemmnux riżultat ta’ għatx kbir għal-art li potenzjalment tinbena, u art li tista' sservi għal attivitajiet rekreattivi, bħal picnics u kitchen gardens.


L-ikbar weġgħa għal MaYA pero’ hija meta art agrikola tal-Gvern ma' tinħadimx. Fid-dawl ta’ dan, il-Fondazzjoni appellat lill-Gvern sabiex jevalwa l-art li mhux tinħadem, u jgħaddiha lil min ġenwinament irid jaħdimha, speċjalment bdiewa li għandhom inqas minn 40 sena.


Iżda kif taffetwa dirrettament is-sitwazzjoni tal-qbiela lill-bdiewa żgħażagħ?


MaYA tiċċara li din il-kwistjoni mhux issa faqqset anzi hija riżultat ta' għexieren ta' snin fejn qatt ma ġew valutati land use policies u l-bidliet tas-suq. Il-Fondazzjoni qalet ukoll li hija temmen li hemm bdiewa li jħallsu prezzijiet baxxi ferm u dan mhux ġust għas-sid iżda l-valur tal-art agrikolu irid jkun raġonevoli wkoll. “Il-prezz irid ikun raġonevoli minħabba n-natura tax-xoghol, fejn id-dħul tal-bidwi mhux garantit,” iżżid tgħid.


Barra minn hekk, il-bdiewa qegħdin jagħtu servizz lill-komunità, meta jipproduċu l-ikel, u jieħdu ħsieb il-pajsaġġ rurali, kif ukoll jippreservaw tradizzjonijiet agrikoli. Il-valur tal-art, din il-gazzetta ilha ssemmih, imma fuqiex jiddependi?


Wieħed mir-rappreżentanti ta’ MaYA spjega li l-valur tal-art agrikola jiddependi minn diversi fatturi bħal sorsi ta’ ilma għat-tisqija, aċċess għall-vetturi bħal-tractors, u saħansitra t-tip ta' ħamrija. Min-naħa l-oħra l-fondazzjoni tgħid li jekk bidwi jkun innovattiv u jiddiversifika, “jista’ jiżviluppa prodotti u servizzi li mhux neċessarjament marbutin mal-art, bħal per eżempju l-ipproċessar.”


Hija tisħaq li s-settur tal-agrikoltura f'Malta nieqes mill-innovazjoni, “donnu l-maġġoranza qegħdin ikabbru l-istess prodotti.” Din taf tħeġġeg kollaborazzjoni bejn iż-żgħażagħ, għaliex il-prodotti ta' bidwi wieħed jistgħu jinbiegħu lill-bidwi li jipproċessa u jiżviluppa pakkett sostenibbli u prodotti ġodda.


“Ħafna jaħsbu li l-agrikoltura hija biss it-tkabbir tal-ħxejjex, fil-verità s-settur jista’ jmur ħafna oltrè minn hekk.”

‘Il-ligi l-ġdida għanda toffri sigurtà lill-bdiewa ġenwini sabiex ikomplu jaħdmu l-art’


Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil MaYA x’inhi tistenna mil-liġi il-ġdida tal-qbiela. Ir-risposta kienet waħda ovvja, “il-liġi għanda toffri sigurtà lill-bdiewa ġenwini sabiex ikomplu jaħdmu l-art.”


Fuq dan il-Fondazzjoni qalet li l-liġi għandha tiżgura li l-art agrikola tibqa’ għand il-bdiewa, u tibqa’ tinħadem. Fid-dawl tal-fatt li l-Ministru qal li għajnuna diretta ma tistax tingħata għax tiġi kwalifikata bħala sussidju, il-fondazzjoni allura titlob għal qafas legali li jipproteġi l-art agrikola b'mod assolut u l-bdiewa ġenwini li jaħdmuha.


“Bidwi li jipproduċi dejjem għandu x’jiddikjara, sabiex jivverifika l-iskop tal-attività agrikola. Din id-dikjarazzjoni hija l-qofol ta’ min hu bidwi ġenwin, u dak li mhux.”

29 views0 comments
bottom of page